Knejjes li nsibu fix-Xaghra


Il-Knisja Bazilika ta’ Marija Bambina

Ir-rahal tax-Xaghra gie dikjarat ufficjalment parrocca u maqtugh mill-Matrici tal-Kastell nhar it-28 t’April 1688 permezz tad-Digriet Cum in Prima iffirmat mill-Isqof Davide Cocco Palmeri. Minn dakinhar sa l-1692, il-Knisja Parrokkjali tax-Xaghra kienet dik li llum insejhulha ta’ Sant’Anton Abbati. Fit-12 ta’ Mejju 1692, tlestiet knisja zghira bl-ghajnuna ta’ xi Sqallin, fejn illum insibu l-Kor tal-Knisja Bazilika tax-Xaghra biex taqdi ahjar il-htigijiet spiritwali tax-Xaghrin li n-numru taghhom beda jikber gmielu. L-ewwel giet dedikata lill-Madonna tal-Grazzja u wara, fid-9 t’Ottubru 1692, giet iddedikata lit-Twelid ta’ Marija Bambina.

Mal-mixja tas-snin, il-poplu tax-Xaghra kompla jikber tant li rega’ nhass il-bzonn ta’ knisja akbar. Ghalhekk, fl-1813, il-kappillan tax-Xaghra Rev. Vincenzo Cauchi (li f’dak iz-zmien kellu tmenin sena) beda jheggeg lix-Xaghrin li kienu elf u mitejn biex jghinuh fil-flus halli jkun jista’ jibni Knisja gdida u hu stess ta s-somma sabiha ta’ 500 skud. In-neputi tieghu, il-Kan. Dun Salv Bondin, ghamel b’xejn il-pjanta tal-Knisja l-gdida. L-ewwel gebla tqieghdet hdejn il-knisja z-zghira li kellha titwaqqa’ hekk kif tinbena l-gdida. Zmien wara, il-bini tal-Knisja kellu jieqaf ghax fis-17 ta’ Marzu 1814, faqqghet il-pesta fix-Xaghra li baqghet sejra sas-26 ta’ Lulju ta’ dik is-sena u fiha mietu 104 persuni fosthom il-Kappillan Dun Vincenzo Cauchi. Wara Cauchi, lahaq Kappillan Dun Frangisk Gafa’ u ftit wara kompla l-bini tal-knisja. Madankollu, minhabba l-pesta li kienet ghadha kemm ghaddiet, il-poplu kien fqir u f’mizerja kbira, tant li mhux talli l-bini kompla tiela’ izda talli l-Kappillan prezenti kellu jqassam il-flus li kien gabar il-Kappillan ta’ qablu lil dawk li kienu foqra u batuti.

Wara l-mewt ta’ Gafa’, lahaq il-Kappillan Dun Mikiel Buttigieg mill-Qala li ‘l quddiem kien sar l-ewwel Isqof t’Ghawdex. Il-Kappillan Buttigieg ukoll xtaq ikompli l-bini tal-Knisja u hu stess ta 2100 skud. L-Isqof ta’ Malta ta’ dak iz-zmien, Monsinjur Konti Sant, ta minn jeddu 4731 skud waqt li somma ohra ta’ elf skud ingabru minn xi fondi ta’ post vojt ta’ Kanonikat fil-Kolleggjata tar-Rabat. Il-Kappillan Buttigieg kellu jitlaq mix-Xaghra ghax lahaq Arcipriet tar-Rabat. Qabel telaq, huwa kellu x-xorti jara parti kbira mill-knisja mibnija. Dawn kienu l-kor, iz-zewg kappelluni, il-faccata l-kbira, il-hajt laterali li jdawwar il-knisja kollha u l-kampnar tan-naha tal-lemin.

Warajh gie Dun Frangisk Buttigieg min-Nadur fil-15 ta’ Jannar 1849. Dan ukoll habrek sabiex jitkompla l-bini. Taht it-tmexxija tal-bennej Frangisk Portelli mir-Rabat, ix-xoghol beda miexi gmielu tant li fl-20 ta’ Novembru tal-1850, il-knisja z-zghira giet imwaqqa’ u parti mill-knisja l-gdida bdiet tigi wzata ghall-funzjonijiet religjuzi. Din il-parti giet imbierka fl-10 t’Awwissu 1851. Erba’ snin wara, fil-5 ta’ Jannar 1855, il-knisja kollha kienet lesta minbarra l-koppla u giet imbierka nhar il-11 ta’ Frar 1855. Il-koppla giet mibnija fl-1892 mill-kuntrattur Wigi Vella miz-Zebbug. L-ispejjez tal-bini tal-knisja kien 70,000 skud li minnhom sitta u erbghin elf skud kien xoghol b’xejn mix-Xaghrin.

Fil-jum glorjuz tas-26 ta’ Mejju 1878, il-Knisja Parrokkjali tax-Xaghra giet sollennament ikkonsagrata lil Alla f’cerimonja kommoventi ppreseduta mill-E.T. Mons. Pietru Pace, Isqof t’Ghawdex. L-ispejjez tac-cerimonja tal-konsagrazzjoni kienu kollha mhallsa mis-Sur Pawlu Vella. Dan l-anniversarju tal-konsagrazzjoni ghadu jigi ccelebrat ta’ kull sena b’solennita’ liema bhalha.

Il-poplu tax-Xaghra li kien imkabbar wisq bil-knisja li bena, xtaq jara l-parrocca moghnija bit-titlu ta’ Kolleggjata Insinji. Din il-holma saret realta’ ezattament nhar id-9 ta’ Marzu 1900 meta l-Papa Ljun XIII, fil-bolla iffirmata mill-Eminenza Tieghu l-Kardinal Masella kkonferma ufficjalment li l-parrocca tax-Xaghra saret Kolleggjata. Mis-sena 1963 ‘l hawn, l-Arcipriet tal-Parrocca tax-Xaghra gie moghti l-privilegg tal-mitra u t-titlu Protonotario Apostolico wara ismu. Dawn l-unuri komplew kabbru d-dinjita’ li l-Knisja Kolleggjata tax-Xaghra kienet qed tgawdi.

Izda l-aqwa dinjita’ ghall-Knisja Kolleggjata tax-Xaghra kien meta nghatat it-titlu onorifiku ta’ Bazilika. L-ahbar waslet minn Ruma nhar id-29 t’Awwissu 1967, jigifieri fl-ewwel jum tan-Novena tal-Bambina. Il-poplu Xaghri ferah hafna ghal din l-ahbar u dik is-sena, il-festa ta’ Marija Bambina tat-8 ta’ Settembru saret b’pompa kbira wara li kienet ilha ma ssir ghal tmien shih shah.

Nhar it-2 ta’ Settembru 1973, l-Isqof t’Ghawdex Mons. Nikol G. Cauchi pogga kuruna ta’ deheb u hagar prezzjuz fuq ras l-istatwa titulari ta’ Marija Bambina fl-okkazjoni ta’ gheluq il-mitt sena mill-wasla fostna ta’ din l-istess statwa, kapolavur tad-ditta Galard et Fils ta’ Marsilja, Franza. B’din il-grajja li tibqa’ mnizzla b’annali tad-deheb fl-istorja ta’ rahalna, il-Knisja tax-Xaghra giet moghnija bit-titlu ta’ Santwarju.

Permezz tad-Digriet tal-Penitenzjerija Apostolika ffirmat mill-Eminenza Tieghu l-Kardinal Carlo Furno, liema Digriet igib id-data tat-30 ta’ Lulju 2003, il-Knisja Kolleggjata-Bazilika tax-Xaghra giet imzejna bit-titlu ta’ Bazilika Liberjana u giet aggregata spiritwalment mal-Bazilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma. It-thabbira ta’ l-Aggregazzjoni saret mill-Arcipriet tal-Parrocca tax-Xaghra, Mons. Ewkaristiku Sultana, waqt il-Pontifikal tal-Festa ta’ Marija Bambina nhar it-8 ta’ Settembru 2003 u kienet milqugha b’capcip min-nies prezenti u d-daqq solenni tal-qniepen tal-Bazilika taghna.

Fis-Santwarju tal-Bambina, insibu diversi opri ta’ arti mill-isbah. Pitturi bhal Profs. Virginio Monti, Giuseppe Calì, Ramiro Calì, Francesco Zahra, Giuseppe Bonnici, Antonio Falzon, Rokku Buhagiar, Carlo Gimach, Ganni Vella C. Mangion u ohrajn hallew id-daqqiet tal-pinzell f’dan is-Santwarju ghaziz ghax-Xaghrin kollha. Opri ohra huma l-kisi tal-Knisja bl-irham (snin hamsinijiet), il-gallerija maestuza ta’ l-orgni (1964), il-pulptu (1955) u l-Via Sagra (1963).

Lista ta’ Kappillani u Arciprieti tax-Xaghra

Dun Bernard Formosa (1689 – 1699)
Dun Mark Antonju Grima ( 1700 – 1715)
Dun Gwann Simone Pace (1716 – 1726)
Dun Mattija Spiteri ( 1726 – 1756)
Dun Vincenz Cauchi ( 1760 – 1814)
Dun Frangisk Gafa’ ( 1814 – 1823)
Dun Mikiel Buttigieg ( 1823 – 1848)
Dun Frangisk Buttigieg ( 1848 – 1865)
Dun Gwann Camilleri ( 1865 – 1881)
Dun Giovanni Battista Grech ( 1881 – 1891)
Arcipriet Guzeppi Diacono ( 1891 – 1909)
Arcipriet Mawrizju Cauchi ( 1909 – 1951)
Arcipriet Mons. Mikelang Cauchi Prot. Apost. (1951 – 1973)
Arcipriet Mons. Ewkaristiku Sultana Prot. Apost. (1973 – 2004)
Arcipriet Mons. Carmelo Refalo Prot. Apost. ( 2005 – )

Il-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati

Ghat-twaqqif tal-parrocca, l-ewwel parruccani kellhom jinqdew bil-knisja zghira u antika mtella’ fis-seklu tlettax u ddedikata lill-eremita Sant’Anton Abbati, fundatur tal-Monasticizmu. Din il-kappella kienet mibnija mill-wisq maghrufa familja, Camire Hinzi, u serviet bhala l-ewwel knisja parrokkjali tax-Xaghra mill-1688 sa l-1692. Il-kappella ghandha diversi beneficcju mhollija mill-familja msemmija.

Ghalkemm il-kappella hija antika hafna, qatt ma giet ipprofonata hlief ghal zmien qasir hafna, wara l-ahhar vizta pastorali ta’ Mons. Mikiel Gonzi dak iz-zmien Isqof t’Ghawdex. Fl-1942, il-kappella sofriet hsarat kbar meta waqghet bomba fil-vicin. Il-kappella giet irrangata wara li spiccat il-gwerra. Il-kappella kellha cimiterju maghha fejn l-ewwel vittmi tal-pesta ta’ l-1814 indifnu. Il-kwadru titulari safa meqrud tul iz-zmien tal-pesta imma meta l-hajja regghet lura ghan-normal, Dun Salv Bondì ghamel il-kwadru prezenti fl-1818. Il-kwadru jirraprezenta lil Sant’Anton jitlob, filwaqt li fil-lemin tieghu hemm l-inhawi ta’ Ghajn Lukin bit-tined, fejn kienu jghixu l-infettati matul il-pesta kiefra.

Meta l-Kanonku Dun Guzepp Farrugia inhatar bhala Rettur tal-Kappella ta’ Sant’Anton, huwa beda jigbor il-fondi mehtiega sabiex jirranga l-kappella. Is-saqaf gie rrangat u nbena wkoll gnien sabih fuq in-naha tal-Kappella. Il-kappella mbaghad giet imbierka nhar it-30 ta’ Settembru 1947. Wara izda, hija regghet giet imbierka mill-Isqof Pace fit-3 ta’ Novembru 1955.

Fic-celebrazzjonijiet kbar li saru fix-Xaghra bhala tifkira tat-tielet centinarju mit-twaqqif tal-parrocca (1688 – 1988), nhar it-28 t’April 1988, l-Isqof Nikol G. Cauchi ikkonsagra sollennament din il-knisja ta’ Sant’Anton waqt Pontifikal bis-sehem tal-W.R. Kapitlu u Kleru tal-Parrocca taghna.

Ir-Rettur attwali, il-Kan. Dun Gwann Sultana, haseb sabiex jirristruttura l-Knisja ta’ Sant’Anton u jaghmilha tixbah lill-kappella originali. Ix-xoghol kollu tbierek nhar is-17 ta’ Jannar 2007 mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech waqt Koncelebrazzjoni fl-istess knisja f’jum il-festa liturgika tal-Qaddis-Patrun. L-istatwa titulari ta’ Sant’Anton Abbati hija xoghol tassew artistiku ta’ l-artist lokali Michael Camilleri Cauchi fl-1984. Il-festa tieghu tigi ccelebrata kull sena b’mod tradizzjonali u popolari fit-Tielet Hadd ta’ Jannar.

Il-Knisja ta’ Gesu’ Nazzarenu

Qabel ma rtira ghal kollox, l-Arcipriet Diacono hazzez pjanta ta’ knisja zghira li kellha tinbena n-naha t’isfel tax-Xaghra, fit-tarf ta’ l-inhawi maghrufa bhala Gnien Xibla. Il-bini tal-knisja kien bzonnjuz ghaliex gara li certi parruccani kellhom aktar minn zewg mili boghod biex jitilghu ghall-knisja parrokkjali. L-imghallem Guzeppi Vella mix-Xaghra, l-istess wiehed li wara bena z-zewg kappelluni tal-Knisja Bazilika, gie moghti l-inkarigu li jtella’ l-knisja l-gdida. Il-knisja l-gdida hadet hames snin biex tinbena u mhux hekk biss. L-inhawi ta’ madwar il-knisja l-gdida bdew jissejhu tan-Nazzarenu.

Ic-cerimonja tat-tberik saret fis-sena 1909. L-Arcipriet Mawrizju Cauchi bierek il-knisja l-gdida u r-Rev. Kan. Dun Frangisk Sultana ghamel diskors ta’ l-okkazjoni. Tnejn u ghoxrin sena wara, sewwasew nhar il-15 ta’ Novembru 1931, Mons. Mikiel Gonzi – Isqof t’Ghawdex – sollennament ikkonsagra din il-knisja zghira.

Is-Sur Pawl Galea, maghruf ahjar bhala s-Sur Pawl, negozjant Malti, hallas il-pittura tal-Knisja, il-kalcijiet, pjaneti u affarijiet ohra. Benefattur iehor, is-Sur Koronato Attard, halla diversi beneficcji u hallas l-ispejjez ta’ l-orgni. Is-Sur Frangisk Zammit hallas l-ispejjez kollha tac-cerimonja tal-konsagrazzjoni tal-Knisja. Is-Sur Liberat Sultana hallas l-ispejjez tal-Via Sagra u s-Sur Frangisk Attard hallas kalci tal-fidda.

F’din il-knisja nsibu xoghol tal-pittura maghmula b’sengha mill-aqwa artisti, fosthom il-Professur Virginio Monti, Giuseppe Calì, Lazzru Pisani u Ganni Vella. It-titular tal-Knisja, li jirraprezenta lil Kristu Sultan tal-Holqien Kollu, gie mpitter minn Lazzru Pisani. Giuseppe Calì pitter tnejn mill-appostli waqt li l-pittura ta’ Sant’Anna hija xoghol ta’ Ganni Vella. Il-Profs. Virginio Monti pitter ghaxar Appostli.

Il-festa ta’ Kristu Sultan, li tkun tinkludi purcissjoni solenni b’Gesu’ Ewkaristija mat-toroq ta’ l-inhawi, tigi ccelebrata kull sena fit-Tielet Hadd ta’ Ottubru.

Il-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn

L-ewwel kappella kellha cimiterju maghha fejn indifnu l-ewwel devoti ta’ San Pawl. Skond it-tradizzjoni, din il-kappella nbniet biex tfakkar il-migja ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl f’Malta. Xi kittieba ta’ l-istorja jsostnu li San Pawl ghadda u nizel f’din il-bajja xhin kien fi triqtu lejn Sqallija. Fis-sena 1575, il-knisja kienet ipprofonata izda gara li fis-sena 1641, il-gvernatur ta’ Ghawdex f’dak iz-zmien qataghha li jerga’ jibniha. Il-GranMastru ta’ dak iz-zmien kien Fra G.X. de Gralles Challets. Fis-sena 1649, il-kappella waqghet taht il-gurisdizzjoni tal-Kavallieri ta’ San Gwann li kellhom id-dritt li jaghzlu r-Rettur tal-Knisja.

Sas-sena 1663, regghet garrbet hsarat ohra, u l-Isqof Belaguer qataghha li jerga’ jirrangaha. Fis-sena 1730, ir-Rev. Arcipriet Dun Mattija Spiteri gabar il-flus mehtiega biex jerga’ jirranga l-knisja li ghal darb’ohra rega’ kellha hsarat kbar. Fis-sena 1878, l-E.T. Mons. Pietru Pace qataghha li jkabbarha.

Nhar it-22 ta’ Jannar 1878, il-Gvern ta bicca art biex fuqha jkunu jistghu jtellghu knisja akbar. Id-disinn tal-knisja l-gdida sar mill-arkitett Antonju Giardina u f’Awwissu 1879 giet imbierka mill-E.T. Mons. Pietru Pace. Wara, l-Isqof Mons. Mikiel Gonzi ikkonsagra din il-Knisja ezattament nhar it-12 ta’ Settembru, 1939.

Il-kwadru titulari li jirraprezenta l-inzul ta’ San Pawl fil-Gzejjer Maltin tpitter minn Giuseppe Bonnici. F’din il-Knisja, insibu bosta statwi, fosthom l-istatwa titulari ta’ San Pawl, xoghol Wistin Camilleri Cauchi, li kienet saret fis-sena 1924. Il-festa ta’ San Pawl tigi ccelebrata kull sena fl-eqreb Hadd lejn il-25 ta’ Jannar, festa tal-Konverzjoni ta’ l-Appostlu tal-Gnus.

© Copyright Xaghra.com – News