L-aħħar edizzjoni tal-Iljieli Sajfin f’Misraħ il-Vitorja

Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Awwissu 2012, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra ipprezenta l-aħħar edizzjoni tal-Iljieli Sajfin għal din is-sena. Dawn l-iljieli Sajfin bdew b’esperiment fis-Sajf 2011 u wara s-suċċess li kellhom, reġgħu ġew organizzati din is-sena wkoll.

L-għan ewlieni ta’ dawn l-attivitajiet kien li l-pjazza ewlenija tar-raħal tagħna toffri spettaklu lil dawk li jkunu qed jieklu jew jixorbu fin-negozji li hemm fl-istess misraħ filwaqt li tagħti promozzjoni lit-talent lokali.

L-aħħar serata bdiet għall-ħabta tat-8.30pm u kienet ipprezentata mis-Sinjura Orietta Gatt. Fiha ħadu sehem il-kantanti Mikaela Bajada, Miriana Farrugia, Valentina Mifsud u Matthew Xuereb flimkien ma’ erba’ gruppi taz-zfin – tliet gruppi tar-Rythmatic Dancers (koreografija ta’ Janica Camilleri) u grupp ieħor ta’ JA Dancers (koreografija ta’ Jennifer Agius). Is-serata ntemmet b’Kunċert muzikali ta’ madwar siegħa mill-Band ‘Run’ biex hekk, il-programm intemm għall-ħabta tal-11pm.

Wara li ġew organizzati b’suċċess dawn l-Iljieli Safjin u anke l-attivita’ kulturali maġġuri ‘Xagħra Rocks’ fil-11 ta’ Awwissu, il-Kunsill iħares ‘il quddiem għall-aħħar attivita’ tiegħu għas-Sajf. Din ser tkun it-tielet edizzjoni tal-festival tat-tin li ser isir fix-Xagħra nhar is-Sibt 22 u l-Ħadd 23 ta’ Settembru, ftit jiem biss wara l-festa titulari ta’ Marija Bambina. Aktar dettalji jingħataw ‘il quddiem.