Inawgurazzjoni uffiċjali ta’ belvedere ġdid fix-Xagħra

Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra inawgura b’mod uffiċjali l-proġett ta’ belvedere ġdid li jinsab fl-inħawi ta’ ‘Għajn Damma’ fi  Triq il-Knisja fl-istess lokalita’. Dan il-belvedere huwa wieħed mill-proġetti infrastrutturali mwettqa mill-Kunsill Lokali tal-ħames leġislatura li waslet biex tintemm.

Dan is-sit jinsab mibni fuq waħda miż-żoni strateġiċi tax-Xagħra li hija magħrufa għall-veduti sbieħ li tgawdi. Il-belvedere jgawdi dehra mill-isbaħ tal-pajesaġġ tipiku Għawdxi u anke tal-bajja ta’ Marsalforn li hija mfittxija minn bosta viżitaturi lokali barranin, b’mod partikolari fl-istaġun tas-sajf.

Il-belvedere ġie inawgurat waqt ċerimonja qasira li saret fl-istess post. Iċ-ċerimonja inkludiet diskors qasir dwar l-iżvilupp tal-isem ‘Għajn Damma’ mill-istoriku Għawdxi Mons. Joseph Bezzina u indirizzi qosra mis-Sur Austin Walker, Chairman tal-MEPA, il-Perit Edward Scerri, u s-Sindku tax-Xagħra, is-Sur Joe Cordina. Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll xi tfal mill-Iskola Primarja tal-lokalita’ u anke residenti li joqogħdu fl-inħawi. Il-belvedere ġie imbierek mill-Arċipriet tal-Parroċċa, Mons. Carmelo Refalo.

Dan il-proġett kien parzjalment iffinanzjat mill-Fond għall-Iżvilupp Urban amministrat mill-Awtorita’ Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar.

 

Related posts:

  1. Inawgurazzjoni ta’ belvedere ġdid
  2. Diskors mis-Sindku Joe Cordina fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni uffiċjali tal-belvedere fi Triq il-Knisja
  3. L-Awtorita’ Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar tapprova l-permess għall-bini ta’ Ċentru Ċiviku ġdid fix-Xagħra
  4. Inawgurazzjoni tal-belvedere fi Triq il-Knisja
  5. L-ispirtu tal-Milied fix-Xagħra
  6. Inawgurazzjoni Ufficjali tal-Kampanja Edukattiva favur lokalitajiet indaf
  7. Isir is-seminar tat-tin fix-Xagħra