Il-Festa Liturġika ta’ Sant’Anton Abbati

Illum it-Tlieta 17 ta’ Jannar, il-Knisja Universali tiċċelebra l-Festa liturġika ta’ Sant’Anton Abbati li ta bidu għal ħajja ‘l bogħod mid-dinja għall-qadi ta’ Alla.

Sant’Anton huwa figura importanti fil-ħajja tal-Knisja matul iż-żminijiet għax kien ta’ ispirazzjoni għal bosta nsara li ddeċidew li jgħixu ħajja axxetika mibnija fuq it-talb, is-sawm u kull forma ta’ penitenza. Għall-kelmiet tal-Evanġelju ‘Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek u agħtih lill-foqra u jkollok teżor fis-sema’; imbagħad ejja u imxi warajja’, Sant’Anton ħalla l-ġid kollu ta’ din l-art u tah lill-foqra, lil oħtu ż-żgħira ħallieha fil-kura ta’ xi nisa verġni u hu mar fid-deżert fejn qatta’ l-bqija ta’ ħajtu fit-talb. Matul dan iż-żmien, huwa kien imġarrab bosta drabi mix-xitan li kien jidhirlu taħt forom differenti u kien iġiegħlu jbati ħafna. Sant’Anton miet fl-eta’ venerabbli ta’ 105 snin. Il-ħajja tiegħu hija miktuba minn Sant’Atanasju. Matul is-sena 2001, ir-rakkont tal-ħajja tiegħu ġie tradott għall-Malti mill-W.R. Kan. Kantur Dun Alwiġ Camilleri li ma kellux ix-xorta jara dan il-ktieb ippubblikat peress li l-Mulej sejjaħlu għal għandu xahar qabel l-inawgurazzjoni tiegħu.

Il-programm ta’ jum il-festa liturġika fil-Knisja ta’ Sant’Anton huwa kif ġej:

Il-Knisja tkun miftuħa l-ġurnata kollha.

9.00am: Pellegrinaġġ mill-Parroċċa tal-Katidral. Quddiesa mill-Arċipriet Mons. Ġużeppi Attard.

1.00pm: Pellegrinaġġ mill-Parroċċa tal-Fontana. Quddiesa mill-Kappillan W.R. Dun Joseph Bajada.

5.15pm: Reċita tar-Rużarju Mqaddes.

5.30pm: Kant Solenni tat-Tieni Għasar.

6.00pm: Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-W.R. Mons. Arċipriet Carmelo Refalo bis-sehem tas-saċerdoti tal-Parroċċa li matulha Mons. Arċipriet jinseġ kuruna ta’ tifħir adunur dan il-Qaddis. Janima l-Liturġija l-Kor Stella Maris taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mro. Carmel P. Grech.

Wara, Kurunella, Innu u Barka Sagramentali li tagħlaq il-festi.

 

Related posts:

  1. Solennita’ Liturgika ta’ Sant’Anton Abbati – Jum il-Festa
  2. Attivita’ għall-anzjani fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Sant’Anton Abbati
  3. Solennita’ Liturgika ta’ Sant’Anton Abbati
  4. Attivita’ għall-anzjani fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’Anton Abbati
  5. Festa Sant’Anton Abbati – Wirjiet u tberik ta’ l-annimali
  6. Il-Festa tradizzjonali ta’ Sant’Anton Abbati fix-Xagħra
  7. Festa ta’ Sant’Anton Abbati
  8. Festa ta’ Sant’Anton Abbati
  9. Festa Sant’Anton Abbati – Lejliet is-Solennita’ ta’ Sant’Anton