Diskors mis-Sindku Joe Cordina fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni uffiċjali tal-belvedere fi Triq il-Knisja

Sur Walker, sħabi Kunsilliera, ħuti Xagħrin:

Huwa ta’ pjaċir u sodisfazzjon kbir għalija li llum qegħdin ninawguraw b’mod uffiċjali dan il-proġett tal-belvedere fi Triq Knisja.

Matul din il-leġislatura, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra applika għal diversi fondi, kemm mill-Iskemi maħruġa mill-Gvern Ċentrali u anke minn programmi differenti tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li jkun jista’ jimplimenta numru ta’ proġetti għall-benefiċċju tar-residenti tagħna. Wieħed minn dawn il-proġetti huwa dan il-belvedere li għalih iddedikajna ħafna ħin u enerġija għax nemmnu li x-Xagħra għandha numru kbir ta’ postijiet strateġiċi li jistgħu jiġu sfruttati u żviluppati aħjar. Kif tistgħu taraw, dan is-sit igawdi veduti mill-isbaħ tal-pajesaġġ u l-kampanja tipika Għawdxija flimkien ma’ dehra tal-bajja ta’ Marsalforn. Dan il-belvedere ser iżid in-numru ta’ postijiet ta’ mistrieħ li għandna fil-lokalita’ tagħna. Il-Kunsill jemmen li, fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, għandna nieħdu mpenn li noffru aktar postijiet sbieħ fejn ir-residenti u l-viżitaturi tagħna jkunu jistgħu jirrilassaw waqt li jgawdu l-veduti sbieħ li toffri l-lokalita’ tagħna.

B’dan il-ħsieb f’moħħna, applikajna wkoll taħt il-programm ‘Leader Plus’ tal-Unjoni Ewropea biex niffinanzjaw proġett ħolistiku msejjaħ ‘Network of Leisure Parks in Xagħra’. Dan il-proġett ser jara t-trasformazzjoni ta’ sitt żoni differenti fir-raħal tagħna f’postijiet ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha. B’sodisfazzjon ngħid li dan il-proġett ġie aċċettat u għalih qed niġu allokati s-somma ta’ € 300,000. Din hija parti żgħira mill-ħidma minn wara l-kwinti li għaddejja fl-uffiċċju amministrattiv tagħna biex inkomplu nittrasformaw lir-raħal tagħna bħala l-aqwa lokalita’ fil-gżira Għawdxija.

Nixtieq pubblikament nirringrazzja lill-Awtorita’ Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar li qed toffri parti sostanzjali mis-somma totali li ġie jiswa dan il-belvedere permezz tal-Fond għall-Iżvilupp Urban. Naħseb li bi sforz komuni bejn kulħadd, inkunu nistgħu noffru proġett li jibqa’ jkun apprezzat matul is-snin.

Grazzi.

Joe Cordina

Sindku

Related posts:

  1. Diskors mis-Sindku Joe Cordina fl-okkażjoni ta’ Jum ix-Xagħra
  2. Inawgurazzjoni uffiċjali ta’ belvedere ġdid fix-Xagħra
  3. Diskors mis-Sindku Joseph Cordina waqt l-inawgurazzjoni tal-Kampanja Edukattiva b’risq lokalitajiet indaf
  4. Diskors mis-Sindku Joseph Cordina fl-okkazjoni ta’ Jum il-Lokalita’ 2011
  5. Diskors mis-Sindku Joe Cordina ghal waqt ic-cerimonja tas-7 ta’ Settembru 2009 – Tifkira ta’ l-Assedji ta’ Malta
  6. Inawgurazzjoni tal-belvedere fi Triq il-Knisja
  7. Inawgurazzjoni ta’ belvedere ġdid
  8. L-Awtorita’ Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar tapprova permess ghal bini ta’ belvedere fi Triq Knisja
  9. Messaġġ mis-Sindku Joe Cordina waqt il-Kunċert tal-Milied Gaude et Laeatre – Diċembru 2011